﻿LIĊENZJA PUBBLIKA TAL-UNJONI EWROPEA v. 1.2

EUPL © L-Unjoni Ewropea 2007, 2016

Din il-Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea (l-“EUPL”) tapplika
għax-Xogħol (kif definit hawn taħt) li jiġi pprovdut skont it-termini
ta' din il-Liċenzja. Kwalunkwe użu tax-Xogħol, għajr kif awtorizzat
permezz ta' din il-Liċenzja, huwa pprojbit (sakemm tali użu ma jkunx
kopert bid-drittijiet tal-awtur tax-Xogħol).

Ix-Xogħol huwa pprovdut skont ir-rekwiżiti ta' din il-Liċenzja meta
l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja (kif definita hawn taħt) tkun ħarġet
l-avviż li ġej immedjatament wara li jkun inħareġ l-avviż
tad-drittijiet tal-awtur għax-Xogħol:

Mogħti liċenzja f'konformità mal-EUPL

jew tkun esprimiet b'xi mod jew ieħor ix-xewqa li tagħti liċenzja
f'konformità mal-EUPL.

1. Definizzjonijiet

F'din il-Liċenzja, it-termini li ġejjin għandhom dawn it-tifsiriet:

— “Il-Liċenzja”: din il-Liċenzja.

— “Ix-Xogħol Oriġinali”: is-softwer distribwit u/jew ikkomunikat
mill-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja skont din il- Liċenzja, disponibbli
bħala Kodiċi tas-Sors u wkoll bħala Kodiċi Eżegwibbli, skont il-każ.

— Xogħlijiet Derivattivi: ix-xogħlijiet jew softwer li jistgħu jinħolqu
mid-Detentur tal-Liċenzja, ibbażati fuq ix-Xogħol Oriġinali jew
modifiki tiegħu. Din il-Liċenzja ma tiddefinix sa fejn biċċa xogħol
għandha tkun modifikata jew dipendenti fuq ix-Xogħol Oriġinali sabiex
tiġi kklassifikata bħala Xogħol Derivattiv; dan jiġi determinat
bil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur applikabbli fil-pajjiż imsemmi
fl-Artikolu 15.

— “Ix-Xogħol”: ix-Xogħol Oriġinali jew ix-Xogħlijiet Derivattivi tiegħu.

— “Il-Kodiċi tas-Sors”: l-għamla tax-Xogħol li tista' tinqara'
mill-bniedem li hija l-aktar waħda konvenjenti għan-nies biex
jistudjawha u jimmodifikawha.

— “Il-Kodiċi Eżegwibbli”: kwalunkwe kodiċi li ġie miġbur b'mod ġenerali
u li huwa intenzjonat li jiġi interpretat minn kompjuter bħala programm.

— “L-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja”: il-persuna naturali jew legali li
tiddistribwixxi u/jew tikkomunika x-Xogħol permezz tal-Liċenzja.

— “Il-Kontributur(i)”: kwalunkwe persuna naturali jew legali li
timmodifika x-Xogħol permezz tal-Liċenzja, jew inkella tikkontribwixxi
għall-ħolqien ta' Xogħol Derivattiv.

— “Id-Detentur tal-Liċenzja” jew “Inti”: kwalunkwe persuna naturali jew
legali li tuża x-Xogħol skont ir-rekwiżiti tal- Liċenzja.

— “Distribuzzjoni” jew “Komunikazzjoni”: kwalunkwe azzjoni ta' bejgħ,
għoti, self, kiri, distribuzzjoni, komunikazzjoni, trażmissjoni, jew
inkella b'modi oħra t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' kwalunkwe persuna
oħra naturali jew legali ta' kopji tax-Xogħol, onlajn jew offlajn, jew
l-għoti ta' aċċess għall-funzjonalitajiet essenzjali tax-Xogħol lil
kwalunkwe persuna oħra naturali jew legali.

2. L-ambitu tad-drittijiet mogħtija bil-Liċenzja

L-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja b'dan Lilek tagħtik liċenzja li tista'
tintuża madwar id-dinja kollha, ħielsa mid-dritt tal- awtur, mhux
esklussiva, liċenzja subliċenzjabbli biex tagħmel dan li ġej, għat-tul
ta' żmien stipulat tad-drittijiet tal-awtur mogħtija lix-Xogħol
Oriġinali:

— tuża x-Xogħol fi kwalunkwe ċirkustanza u għal kull użu,

— tirriproduċi x-Xogħol,

— timmodifika x-Xogħol, u tagħmel Xogħlijiet Derivattivi bbażati fuqu,

— tikkomunika lill-pubbliku, inkluż id-dritt li tagħmel disponibbli jew
turi lill-pubbliku x-Xogħol jew kopji tiegħu u li tħaddem ix-Xogħol
pubblikament, skont ma jkun il-każ,

— tiddistribwixxi x-Xogħol jew kopji tiegħu,

— issellef u tikri x-Xogħol jew kopji tiegħu,

— tissubliċenzja d-drittijiet tal-awtur fix-Xogħol jew kopji tiegħu.

Dawk id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati fi kwalunkwe midja, supporti
u formati, kemm dawk magħrufin bħalissa kif ukoll dawk li jiġu skoperti
aktar tard, sakemm tippermetti l-liġi applikabbli.

Fil-pajjiżi fejn japplikaw id-drittijiet morali, l-Awtorità li toħroġ
il-Liċenzja tirrinunzja d-dritt tagħha li teżerċita d-dritt morali
sal-limitu li tippermetti l-liġi sabiex il-liċenzja tad-drittijiet
ekonomiċi elenkati hawn fuq tkun effettiva.

L-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja tagħti lid-Detentur tal-Liċenzja
drittijiet ta' użu, ħielsa mid-drittijiet tal-awtur u mhux esklussivi
għal kwalunkwe brevett miżmum mill-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja, sa
fejn huwa meħtieġ sabiex jintużaw id- drittijiet mogħtija fuq ix-Xogħol
permezz ta' din il-Liċenzja.

3. Il-Komunikazzjoni tal-Kodiċi tas-Sors

L-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja tista' tipprovdi x-Xogħol jew
fl-għamla tal-Kodiċi tas-Sors, jew bħala Kodiċi Eżegwibbli. Jekk
ix-Xogħol jiġi pprovdut bħala Kodiċi Eżegwibbli, l-Awtorità li toħroġ
il-Liċenzja tipprovdi wkoll kopja li tista' tinqara minn magna
tal-Kodiċi tas-Sors tax-Xogħol flimkien ma' kull kopja tax-Xogħol li
l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja tiddistribwixxi jew tindika, f'avviż
li jinħareġ wara l-avviż tad-drittijiet tal-awtur mehmuż max-Xogħol,
repożitorju fejn il-Kodiċi tas-Sors ikun aċċessibbli faċilment u
bil-libertà sakemm l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja tkompli
tiddistribwixxi jew tikkomunika x-Xogħol.

4. Limitazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-awtur

Ma hemm xejn f'din il-Liċenzja li huwa intenzjonat li jċaħħad
lid-Detentur tal-Liċenzja mill-benefiċċji ta' kwalunkwe eċċezzjoni jew
limitazzjoni għad-drittijiet esklussivi tad-detenturi tad-drittijiet
fix-Xogħol, jew mill-eżawriment ta' dawk id-drittijiet jew ta'
limitazzjonijiet oħrajn applikabbli għalihom.

5. Obbligi tad-Detentur tal-Liċenzja

L-għoti tad-drittijiet imsemmija hawn fuq huwa soġġett għal xi
restrizzjonijiet u obbligi imposti fuq id-Detentur tal- Liċenzja. Dawk
l-obbligi huma kif ġej:

Dritt ta' attribuzzjoni: Id-Detentur tal-Liċenzja għandu jżomm sħaħ
l-avviżi kollha tad-drittijiet tal-awtur, brevetti jew trademarks u
l-avviżi kollha li jirreferu għal-Liċenzja u għar-rinunzja ta'
garanziji. Id-Detentur tal-Liċenzja għandu jinkludi kopja ta' tali
avviżi u kopja tal-Liċenzja ma' kull kopja tax-Xogħol li
jiddistribwixxi jew jikkomunika. Id-Detentur tal-Liċenzja għandu jara
li kull Xogħol Derivattiv jkollu avviżi prominenti li jistqarru li
x-Xogħol ġie mmodifikat u d-data tal-modifika.

Klawżola ta' copyleft: Jekk id-Detentur tal-Liċenzja jiddistribwixxi
jew jikkomunika kopji tax-Xogħlijiet Oriġinali jew Xogħlijiet
Derivattivi, din id-Distribuzzjoni jew Komunikazzjoni ssir skont
it-termini ta' din il-Liċenzja jew ta' verżjoni sussegwenti ta' din
il-Liċenzja, sakemm ix-Xogħol Oriġinali ma jkunx distribwit
espressament biss skont din il-verżjoni tal-Liċenzja — pereżempju billi
jikkomunika “EUPL v. 1.2 biss”. Id-Detentur tal-Liċenzja (li mbagħad
isir l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja) ma jista' joffri jew jimponi
l-ebda terminu jew kundizzjoni addizzjonali dwar ix-Xogħol jew Xogħol
Derivattiv li jbiddlu jew jillimitaw it-termini tal-Liċenzja.

Klawżola ta' kompatibbiltà: Jekk id-Detentur tal-Liċenzja
Jiddistribwixxi jew Jikkomunika Xogħlijiet Derivattivi jew kopji
tagħhom ibbażati kemm fuq ix-Xogħol Oriġinali kif ukoll fuq xogħol
ieħor mogħti liċenzja permezz ta' Liċenzja Kompatibbli, din
id-Distribuzzjoni jew Komunikazzjoni tista' issir skont it-termini ta'
din il-Liċenzja Kompatibbli. Għall- finijiet ta' din il-Klawżola,
“Liċenzja Kompatibbli” tirreferi għal-liċenzji elenkati fl-appendiċi
mehmuża ma' din il-Liċenzja. Jekk l-obbligi tad-Detentur tal-Liċenzja
skont il-Liċenzja Kompatibbli jmorru kontra l-obbligi tiegħu skont din
il-Liċenzja, l-obbligi tal-Liċenzja Kompatibbli għandhom jipprevalu.

Il-forniment tal-Kodiċi tas-Sors: Waqt id-distribuzzjoni jew
komunikazzjoni ta' kopji tax-Xogħol, id-Detentur tal- Liċenzja
jipprovdi kopja tal-Kodiċi tas-Sors li tinqara bil-magna jew inkella
jindika repożitorju fejn dan is-Sors ikun disponibbli faċilment u
mingħajr restrizzjonijiet sakemm id-Detentur tal-Liċenzja jkompli
jiddistribwixxi jew jikkomunika x-Xogħol.

Protezzjoni Legali: Din il-Liċenzja ma tagħtix permess għall-użu ta'
ismijiet kummerċjali, trademarks, marki tas-servizz, jew ismijiet
tal-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja, minbarra kif meħtieġ għal użu
raġonevoli u normali biex tiddeskrivi l- oriġini tax-Xogħol u biex
tirriproduċi l-kontenut tal-avviż tad-drittijiet tal-awtur.

6. Katina ta' Awturi
L-Awtorità oriġinali li toħroġ il-Liċenzja tiggarantixxi li d-dritt
tal-awtur fuq ix-Xogħol Oriġinali mogħtija hawn taħt huwa l-proprjetà
tagħha jew liċenzjat lilha u li għandha l-poter u l-awtorità li tagħti
l-Liċenzja.

Kull Kontributur jiggarantixxi li d-dritt tal-awtur fuq il-modifiki li
jagħmel fix-Xogħol huwa l-proprjetà tiegħu jew li huma mogħtija lilu
permezz ta' liċenzja u li għandu l-poter u l-awtorità li jagħti
l-Liċenzja.

Kull darba li Inti taċċetta l-Liċenzja, l-Awtorità oriġinali li tkun
ħarġet il-Liċenzja u l-Kontributuri sussegwenti jagħtu liċenzja Lilek
għall-kontributi tagħhom għax-Xogħol, skont it-termini ta' din
il-Liċenzja.

7. Rinunzja ta' Garanzija

Ix-Xogħol huwa xogħol li għadu għaddej, li jittejjeb kontinwament
permezz ta' Kontributuri numerużi. Mhuwiex xogħol lest u għalhekk
jista' jkollu difetti jew “bugs” inerenti f'dan it-tip ta' żvilupp.

Għal din ir-raġuni, ix-Xogħol jiġi pprovdut permezz tal-Liċenzja fuq
bażi “tale quale” u mingħajr garanziji ta' kwalunkwe tip dwar
ix-Xogħol, inkluż mingħajr limitazzjonijiet, kummerċjabilità,
adegwatezza għal xi skop partikolari, assenza ta' difetti jew żbalji,
akkuratezza, nuqqas ta' vjolazzjoni ta' drittijiet ta' proprjetà
intellettwali minbarra d-drittijiet tal-awtur kif stabbiliti
bl-Artikolu 6 ta' din il-Liċenzja.

Ir-rinunzja tal-garanzija hija parti essenzjali tal-Liċenzja u
kundizzjoni għall-għoti ta' kwalunkwe dritt għax-Xogħol.

8. Rinunzja ta' Responsabbiltà

Għajr fil-każijiet ta' kondotta ħażina volontarja jew ta' ħsarat
ikkaġunati direttament lil persuni naturali, l-Awtorità li toħroġ
il-Liċenzja fl-ebda każ ma tista' tinżamm responsabbli għal kwalunkwe
ħsara diretta jew indiretta, materjali jew morali, ta' kwalunkwe xorta,
li tirriżulta mil-Liċenzja jew mill-użu tax-Xogħol, fosthom mingħajr
limitazzjoni, ħsarat għat-telf ta' avvjament, waqfien mix-xogħol,
waqfien jew ħsara tal-kompjuter, telf ta' data jew ħsara kummerċjali,
ukoll jekk l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja ġiet avżata dwar
il-possibbiltà ta' tali ħsara. Madankollu, l-Awtorità li toħroġ il-
Liċenzja tkun responsabbli skont il-liġijiet statutorji dwar
ir-responsabbiltà tal-prodott, sakemm dawn il-liġijiet japplikaw
għax-Xogħol.

9. Ftehimiet Addizzjonali

Waqt id-distribuzzjoni tax-Xogħol, tista' tagħżel li tikkonkludi ftehim
addizzjonali, li jiddefinixxi l-obbligi jew is-servizzi li huma
konsistenti ma' din il-Liċenzja. Madankollu, jekk taċċetta tali
obbligi, Inti tista' taġixxi biss f'ismek stess u bir- responsabbiltà
tiegħek biss, mhux f'isem l-Awtorità oriġinali li tkun ħarġet
il-Liċenzja jew kwalunkwe Kontributur ieħor, u dan biss jekk Inti
taqbel li tikkumpensa, tiddefendi, u żżomm ħieles kull Kontributur għal
kwalunkwe obbligazzjoni attwali, jew talba kontra tali Kontributur
bil-fatt li Inti aċċettajt kwalunkwe tali garanzija jew responsabbiltà
addizzjonali.

10. Aċċettazzjoni tal-Liċenzja

Tista' taċċetta d-dispożizzjonijiet ta' din il-Liċenzja billi
tikklikkja l-buttuna “Naqbel” taħt qiegħ it-tieqa li turi t-test ta'
din il-Liċenzja, jew billi taqbel b'xi mod simili ieħor, skont
ir-regoli tal-liġi applikabbli. Billi tikklikkja l-buttuna, Inti tkun
qed tindika l-aċċettazzjoni ċara u irrevokabbli tiegħek għal din
il-Liċenzja bit-termini u l-kundizzjonijiet kollha tagħha.

Bl-istess mod, Inti taċċetta din il-Liċenzja u t-termini u
l-kundizzjonijiet kollha tagħha b'mod irrevokabbli billi teżerċita
kwalunkwe dritt mogħti Lilek bl-Artikolu 2 ta' din il-Liċenzja,
bħall-użu tax-Xogħol, il-ħolqien minnek ta' Xogħol Derivattiv jew
id-Distribuzzjoni jew Komunikazzjoni Tiegħek tax-Xogħol jew kopji
tiegħu.

11. Informazzjoni għall-pubbliku

Fil-każ ta' kwalunkwe Distribuzzjoni jew Komunikazzjoni tax-Xogħol
permezz ta' komunikazzjoni elettronika Minnek (pereżempju, billi toffri
li tniżżel ix-Xogħol minn post remot) il-mezzi ta' distribuzzjoni jew
il-midja (pereżempju, sit web) għandhom tal-anqas jipprovdu
għall-pubbliku t-tagħrif meħtieġ bil-liġi applikabbli dwar
l-identifikazzjoni u l- indirizz tal-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja,
il-Liċenzja u l-mod kif tista' tkun aċċessibbli, konkluża, maħżuna u
riprodotta mid-Detentur tal-Liċenzja.

12. Terminazzjoni tal-Liċenzja

Il-Liċenzja u d-drittijiet mogħtija hawn jispiċċaw awtomatikament
mal-ksur tal-kundizzjonijiet tal-Liċenzja mid-Detentur tal-Liċenzja.

Terminazzjoni bħal din ma ttemmx il-liċenzji ta' kwalunkwe persuna li
tkun irċeviet ix-Xogħol mid-Detentur tal-Liċenzja skont il-Liċenzja,
sakemm tali persuni jibqgħu f'konformità sħiħa mal-Liċenzja.

13. Mixxellanju

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 hawn fuq, il-Liċenzja
tirrappreżenta l-ftehim sħiħ bejn il-Partijiet rigward ix- Xogħol.

Jekk kwalunkwe dispożizzjoni tal-Liċenzja ma tkunx valida jew
infurzabbli bil-liġi applikabbli, dan ma jaffettwax il- validità jew
l-infurzar tal-Liċenzja kollha kemm hi. Tali dispożizzjoni tinftiehem
jew tkun riformata b'tali mod kif meħtieġ biex tkun valida u
infurzabbli.

Il-Kumissjoni Ewropea tista' tippubblika verżjonijiet b'lingwi oħra jew
verżjoni ġdida ta' din il-Liċenzja jew verżjonijiet aġġornati
tal-Appendiċi, sakemm dan ikun meħtieġ u raġonevoli, mingħajr ma
tnaqqas l-ambitu tad-drittijiet mogħtija bil-Liċenzja. Verżjonijiet
ġodda tal-Liċenzja jiġu ppublikati b'numru uniku tal-verżjoni.

Il-verżjonijiet kollha ta' din il-Liċenzja bil-lingwi differenti,
approvati mill-Kummissjoni Ewropea, għandhom valur identiku.
Il-Partijiet jistgħu jutilizzaw il-verżjoni bil-lingwa tal-għażla
tagħhom.

14. Ġurisdizzjoni

Mingħajr preġudizzju għal ftehim speċifiku bejn il-partijiet,

— kwalunkwe tilwim li jirriżulta mill-interpretazzjoni ta' din
il-Liċenzja li jista' jqum bejn l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew
aġenziji tal-Unjoni Ewropea, bħala l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja, u
kwalunkwe Detentur tal-Liċenzja, ikun soġġett għall-ġuriżdizzjoni
tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif stabbilit bl-Artikolu
272 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea.

— kwalunkwe tilwim li jista' jqum bejn Partijiet oħrajn, u li
jirriżulta mill-interpretazzjoni ta' din il-Liċenzja, ikun soġġett
għall-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-qorti kompetenti fil-post ta'
residenza tal-Awtorità tal-Liċenzja jew fejn huwa stabbilit in-negozju
primarju tagħha.

15. Liġi applikabbli

Mingħajr preġudizzju għal ftehim speċifiku bejn il-partijiet,

— Din il-Liċenzja għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru
tal-Unjoni Ewropea fejn l-Awtorità li toħroġ il- Liċenzja hija
residenti jew għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha,

— din il-liċenzja għandha tkun irregolata mil-Liġi Belġjana jekk minn
joħroġ il-liċenzja ma jkollux sede, residenza jew uffiċċju rreġistrat
fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Appendiċi

“Liċenzji Kompatibbli” skont l-Artikolu 5 tal-EUPL huma:

— GNU General Public License (GPL) v. 2, v. 3

— GNU Affero General Public License (AGPL) v. 3

— Open Software License (OSL) v. 2.1, v. 3.0

— Eclipse Public License (EPL) v. 1.0

— CeCILL v. 2.0, v. 2.1

— Mozilla Public Licence (MPL) v. 2

— GNU Lesser General Public Licence (LGPL) v. 2.1, v. 3

— Creative Commons Attribution-ShareAlike v. 3.0 Unported (CC BY-SA
3.0) għal xogħlijiet għajr minn softwer

— European Union Public Licence (EUPL) v. 1.1, v. 1.2

— Québec Free and Open-Source Licence — Reciprocity (LiLiQ-R) jew
Strong Reciprocity (LiLiQ-R+).

Il-Kummissjoni Ewropea tista' taġġorna dan l-Appendiċi għal
verżjonijiet sussegwenti tal-liċenzji hawn fuq imsemmija mingħajr ma
tipproduċi verżjoni ġdida tal-EUPL, sakemm jiġu pprovduti d-drittijiet
garantiti fl-Artikolu 2 ta' din il-Liċenzja u jiġi protett minn
approprjazzjoni esklużiva l-Kodiċi Sors kopert.

Kull tibdil jew żieda ulterjuri għal dan l-Appendiċi jeħtieġ
produzzjoni ta' verżjoni ġdida tal-EUPL.
